Entries have opened for the 2026 Commonwealth Short Story Prize Read more

Kif tieqaf tinkwieta u ssir tħobb it-traduzzjoni tal-istorja tiegħek

Arunava Sinha explains how he captures the meaning, rhythm and emotion of a story in a new language.

Posted on 23/09/2025
By Arunava Sinha

Għażiż kittieb, inti għadek kif ktibt storja b’lingwa li għażilt inti stess. Aktarx il-lingwa li tatek il-ħajja. U issa se jaqbdu u jittraduċuha f’lingwa differenti – lingwa li aktarx m’għandha x’taqsam xejn miegħek, mhijiex minn ta’ ġewwa. Mill-etimoloġija għas-sintassi, mill-pitch għall-istruttura, jaf l-istorja tiegħek tieħu xejra totalment differenti.

Barra minn hekk, hemm il-qarrej tal-istorja tradotta tiegħek. Aktarx xi ħadd minn parti oħra tad-dinja li lanqas għandu aċċess għall-għarfien u l-karatteristiċi kulturali li inti, bħala kittieb, dejjem assumejt li l-qarrej tal-istejjer tiegħek għandu. Taqbad tinkwieta kemm se jaslu sew l-elementi impliċiti fl-istorja tiegħek għand dan il-qarrej ġdid, anki jekk kien hemm attenzjoni massima għat-traduzzjoni ta’ ċerti kliem u frażijiet. Ma nlumekx li titħasseb.

Bħala traduttur, nifhem xi tħoss. Anki jiena jkolli d-dubji tiegħi. Meta nkun qed naqleb, ngħidu aħna storja mill-Bangladeshi għall-Ingliż, nimtela ansjetà: Se jirnexxili nwassal min-naħa għall-oħra dak kollu li din l-istorja ssorr fiha – miktuba b’lingwa li mhux biss tatni l-ħajja iżda li naqra u nikteb biha – bil-lingwa li qed naqleb fiha? Imbagħad, x’tip ta’ Ingliż se nuża? L-Ingliż li nuża jiena huwa uniku għalija u jaf ma jkunx l-Ingliż li hu komdu bih il-qarrej il-ġdid tal-istorja tradotta minni.

Li nsib il-kelma ekwivalenti għal ċerti kliem u frażijiet l-inqas mill-problemi tiegħi. Il-lingwa li nkun qed nittraduċi ma jkollhiex il-kliem eżatt f’lingwi oħra, għalkemm it-tifsira dejjem nista’ nwassalha billi niftaħ il-kelma jew il-frażi fil-lingwa l-ġdida u ngħaddi xi ftit kuntest meta nħoss li meħtieġ. B’dak li fit-terminoloġija hu magħruf bħala ‘stealth gloss’, ninseġ dawn l-ispjegazzjonijiet fit-test imma nżomm it-ton oriġinali ħalli ma jiġux jidhru qishom noti tal-qiegħ.

Hawn tradutturi li saħansitra jħallu l-kliem u l-frażijiet tal-lingwa oriġinali kif inhuma fil-lingwa tradotta, biex appuntu jindikaw li dawn jirrappreżentaw affarijiet li ma jaqgħux fil-konfini tal-esperjenza u l-għerf tal-lingwa l-ġdida. Madankollu huwa kruċjali li did-distanza, li tinħoloq bejn il-qarrej tat-traduzzjoni u kunċetti mhux familjari, ma tibdilx l-esperjenza tal-qari.

L-ewwel ħaġa li nara meta nibda niffoka biex naqleb hija r-relazzjoni bejn il-lingwa ‘sors’ tal-istorja u l-lingwa standard tagħha stess – dik il-lingwa li tintuża u tinftiehem bla inkwiet mill-maġġoranza tan-nies. L-istorja tuża dil-lingwa b’mod differenti? B’mod esperimentali? Tipprova twettaq affarijiet ġodda? Timpjega reġistru mhux komuni? Meta niġi biex nittraduċi nipprova li nżomm din l-istess relazzjoni fil-lingwa li nkun qed nittraduċi fiha, jiġifieri l-lingwa ‘mira’. Meta dir-relazzjoni ma tinżammx, ittellef biċċa sew mill-istorja.

Imbagħad, x’inhi l-esperjenza tal-qari li twassal l-istorja fl-oriġinal? Il-qarrej jibqa’ miexi bla intoppi fit-test? Jew jiġi mġiegħel bi ħsieb jieqaf u jaħseb dwar dak li qed jaqra? Xogħli hu li nirriproduċi din l-istess esperjenza kemm jista’ jkun b’mod fidil.

Finalment, trid titwieġeb il-mistoqsija dwar kif it-traduttur jaqra l-istorja qabel jibda jaqlibha. Din mistoqsija mgħobbija immens. Jien ma naqrax l-istorja fl-oriġinal minn lenti waħda, u allura t-traduzzjoni tiegħi tkun tali mod li l-qarrej tagħha jkun jista’ jesperjenza l-modi differenti li l-istorja oriġinali tkun offriet. L-idea hi mhux li tnaqqas l-għażla, imma li tippreżervaha, jew anki twessagħha f’ċerti każijiet.

Ngħid għalija, importanti li l-istorja tradotta ma toħloqx l-illużjoni li l-istorja li qed tirrakkonta bħal donnu twieldet fil-lingwa tradotta. Madankollu, qatt ma nipprova ngħawweġ l-użu tal-Ingliż biex bħallikieku nfakkar lill-qarrej li teżisti l-istorja f’lingwa oriġinali. Il-fatt jibqa’ li l-lingwa oriġinali tiffunzjona b’damma ta’ noti li l-kittieb iħaddem biex isensel xogħol, daqslikieku kienet biċċa sinfonija mużikali. It-traduzzjoni tista’ tqabbilha ma’ xi ħadd li jsegwi l-istess noti mużikali iżda jrid idoqqhom bi strument ieħor, skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ dan l-istrument il-ġdid, u mingħajr ma jipprova jsemmagħhom kif ħarġu eżatt mill-istrument l-ieħor.

L-istorja tiegħek, biex nagħlaq, għażiż kittieb, ma teżistix biss fit-tifsira tal-kliem li jagħtik dizzjunarju – hija l-ġabra ta’ dan kollu li għadni kif semmejt li jagħmluha dak li verament hi. U filwaqt li l-verżjoni tradotta mhi se tkun qatt identika għal dik li ktibt inti, anki għax il-lingwa l-ġdida tiffunzjona bil-mod tagħha, il-verżjoni l-ġdida se tagħti nifs ġdid lill-istorja tiegħek li jista’ jkun ħaj daqs dak li tajtha inti. Afda fit-traduttur.